Il-Ġimgħa li għaddiet wasal fi tmiemu il-programm Skolasport b’manifestazzjoni fil-Kumpless tal-Kottonera.  Skolasport huwa programm tal-Kunsill Malti għall-isport illi ilu li beda minn Ottubru li għadda u hu mifrux fi tminn lokalitajiet differenti; Ħal Kirkop, il-Mosta, Pembroke, tal-Qroqq, il-Kottonera, il-Ħandaq, il-Marsa u s-Siġġiewi.

Waqt il-manifestazzjoni kull ċentru tella’ esebizzjoni ta’ żfin jew ġinnastika minn tfal li uħud minnhom kellhom biss 4 snin.  Għadd ta’ ġenituri wkoll ipparteċipaw matul il-kors kif ukoll fis-serata finali.

Mark Cutajar, ir-rapreżentant tal-Kunsill Malti għall-isport, kellu kliem ta’ tifħir għall-kowċis u rringrazzjahom għax-xogħol li għamlu.  Huwa qal li għal ħdax-il edizzjoni tal-programm Summer on the Move diġa applikaw iktar minn elf u ħames mitt persuna.  Summer on the move huwa programm li fih jista’ jieħu sehem kulħadd sa mill-età ta’ erba’ snin ’il fuq.  Cutajar qal li ser jkun hemm mitejn u ħamsin kowċ speċjalizzat li se jieħdu ħsieb li jagħtu l-attenzjoni meħtieġa lil kull parteċipant biex jitħarrġu u jgħixu ħajja aktar sana.  Waqt l-indirizz tiegħu Cutajar semma ‘Colours’ li huwa xow taż-żfin mill-parteċipanti ta’ Skolasport u li ser jittella fi tmiem il-ġimgħa ddieħla.

Iċ-Ċermen għall-kunsill Malti għall-isport, Luciano Busuttil wera l-apprezzament tiegħu għas-sagriffiċju ta’ kulħadd biex ta’ kull sena aktar ġenituri jinvestu fl-isport għall-uliedhom .

Is-Segretarju Parlamentari għall-isport, Chris Aġius saħaq li l-programm Skolasport għandu jitqies bħala lok fejn it-tfal jikbru u jitgħallmu u mhux lok fejn il-ġenituri jeħilsu mit-tfal għal ftit sigħat.  Saħansitra ħeġġeġ lill-ġenituri biex jieħdu l-opportunita’ u jattendu għal sessjonijiet  li jsiru fl-istess ħin u huma mmirati għall-ġenituri.

Intant, waqt l-istess serata kien ippreżentat il-premju “Anabelle Vassallo” għall-aktar kowċ dedikat lill-kowċ, Roxanne Bartolo.   Chris Cachia, Sales Manager fil-kumpanija Charles Darmanin Co. Ltd, li permezz ta’ Kellogs huma l-isponsors ewlenin, preżenta għotja finanzjarja liċ-ċermen tal-KMS Luciano Busuttil u tlett rigali lit-tfal preżenti.