Fi ftit ġranet oħra jibda perjodu ferm impenjattiv għal Malta Basketball Association hekk kif numru ta’ timijiet nazzjonali f’kategoriji differenti jkunu mpenjati fil-Kampjonati Ewropej tal-FIBA. L-ewwel li se jkunu fl-azzjoni huma n-nazzjonal kemm maskili kif ukoll femminili.

Fil-fatt nhar il-Ħadd li ġej, it-tim nazzjonali maskili jħalli Malta għal Moldova fejn hemm hemmhekk se jikkompeti fil-Kampjonati Ewropej tal-FIBA għal Pajjiżi Żgħar. Malta se tibda l-impenji nhar it-Tlieta 28 ta’ Ġunju f’logħba minn Grupp A kontra San Marino. L-għada Malta tiffaċja lil Irlanda u l-Ħamis tiltaqa kontra Ġibilta’. Il-grupp l-ieħor hu kompost minn Wales, Andorra, Armenja u Moldova.

Wara s-suċċessi miksuba fl-aħħar tliet kampjonati, b’midalji tal-bronż fl-2010 u l-2012 kif ukoll ir-rebħ tal-fidda sentejn ilu, it-tim nazzjonali maskili bħalissa huwa għaddej minn perjodu transitorju bl-introduzzjoni ta’ numru ta’ players żgħażagħ taħt il-gwida tal-kowċ Taljan Andrea Paccarie.

L-iskwadra li sejra l-Moldova hi komposta minn Sean Borg, Peter Shoults, David Bugeja, Kieron Caruana, Andrew Aquilina, Jean Paul Schembri, Nikola Vasovic, Matthew Gouder, Jacob Formosa, Alec Felice Pace, Stefan Cappello u Tevin Falzon.

Fl-istess ħin it-tim nazzjonali femminili se jmur Ġibilta’ għal Kampjonati Ewropej Femminili tal-FIBA għal Pajjiżi Żgħar. Fl-aħħar żewġ edizzjonijiet fl-2012 u l-2014 Malta rebħet il-bronż wara li fl-2008 u l-2010 Malta kienet rebħet id-deheb.

Malta se tkun fi Grupp B u tilgħab kontra Andorra nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju u l-għada kontra Ġibilta’. Grupp A hu kompost minn Moldova, Wales u l-Irlanda.

L-iskwadra taħt il-gwida tal-coach Angela Adamoli hi komposta minn Sarah Pace, Elena Cassar, Ashley Vella, Samantha Brincat, Maria Bonett, Stef Demartino, Cristina Grima, Beverly Zammit, Gaby Mifsud, Hannah Al Tumi, Josephine Grima u Christina Curmi.