Goal uniku skurjat fil-bidu tat-tieni taqsima ta rebħa lil Floriana kontra Tarxien biex huma komplew isaħħu t-tielet post fil-klassifika. Għal dan il-konfront, il-kowċ Michael Woods ma’ kellux l-aħjar formazzjoni disponibbli, fejn Woods, Caruana u Farrugia kien mweġġgħin, filwaqt li Joseph Borg kien qed jiskonta logħba sospensjoni.

L-istess jista’ jingħad għar-Rainbows, li kellhom lil Suguino sospiż, b’Ricardo Costa mweġġa’. Tarxien kienu ġejjin minn telfa kbira kontra Valletta bl-iskor ta’ 4-1, u Floriana minn rebħa minima ta’ 1-0 fuq Mqabba. Għal Tarxien din kienet is-sitt telfa tagħhom mill-aħħar tmien logħbiet. Kienet logħba li Floriana ddominaw għal ħinijiet twal minkejja li fl-aħħar parti Tarxien żiedu ħafna l-pressjoni biex ippruvaw isalvaw xi ħaġa minn dan il-konfront.

L-ewwel mumenti tal-logħba kienu pjuttost tedjanti, u kien biss fit-22 minuta li waslet l-ewwel azzjoni meta kien Grabowski li daħal fil-kaxxa, bil-cross tiegħu ma’ jidħolx għalih Mintoff, bil-ballun jasal għand Darmanin, li kkonkluda għoli. Minuta wara, cross insidjuż ieħor ta’ Mintoff, li daħal għalih Darmanin, li bir-ras ikkonkluda ftit għoli.

Floriana komplew jinsistu fuq l-offensiva u fis-26 minuta kien cross ta’ Pisani li sab lil Darmanin, li impenja lil Cassar. Fit-38 minuta dehru għal ftit Tarxien, fejn xutt angolat imma fjakk ta’ Anonam ma ħoloq ebda problemi lil Bartolo.

It-taqsima għalqet b’azzjoni oħra ta’ Floriana li bdiet minn free-kick ta’ Doffo, b’Micallef jikkonkludi f’idejn il-goalkeeper Cassar.

It-tieni taqsima kienet ferm aktar movimentata mill-ewwel waħda fejn fil-50 minuta fuq cross ta’ Pulo, daqqa ta’ ras ta’ Carabott kienet salvata mill-goalkeeper Bartolo. Appena minuta, Floriana fetħu l-iskor. Cross tas-solitu Mintoff, li daħal tajjeb għalih ANDRÈ GRABOWSKI, li bir-ras ikkonkluda għal ġewwa.

Ir-reazzjoni tar-Rainbows damet ma waslet peress li kienu Floriana li komplew jinsistu. Fil-fatt, fl-54 minuta, Mintoff sab lil Darmanin li bir-ras ikkonkluda ftit barra. U żewġ minuti wara, kombinazzjoni oħra tajba bejn Mintoff u Darmanin, b’dan tal-aħħar jikkonkludi bir-ras iżda Cassar salva.

Mas-siegħa logħob Cassar tefa’ cross fil-kaxxa, bi Grabowski bir-ras ifalli l-mira għal ftit. Fil-65 minuta, free-kick ta’ Grioli dirett fil-lasta impenja lil Bartolo, li tajjar ‘il barra. Tarxien żiedu l-pressjoni hekk kif fil-71 minuta Pulo qabeż lill-avversarju dirett u mill-kross tiegħu kien Grioli li kkonkluda għoli. 14-il minuta mit-tmiem kien hemm cross ta’ Anonam, b’Carabott bir-ras jimpenja lil Bartolo, li salva mal-art.

Tarxien żiedu l-pressjoni fl-aħħar mumenti tal-logħba, iżda minkejja dan, Floriana żammew sod sabiex kisbu t-tmien rebħa tal-istaġun u t-tielet waħda konsekuttiva.

Floriana – M. Bartolo, T. Paris, M. Micallef, R. Darmanin, D. Pisani, O. Bugeja, P. Doffo, J. Mintoff, A. Grabowski, C. Cassar, C. Borg
Sost> B. Farrugia flok C. Borg 87 min

Tarxien Rainbows – D. Cassar, C. Sammut, M. Caruana, E.A. Pereira, S. Giglio, A. Carabott, K. Pulo, D.M. Bueno, O. Anonam, R. Mintoff, J. Grioli
Sost> L. Galea flok D.M. Bueno 8 min, S. Sadowski flok S. Giglio 25 min, W. Zerafa flok A. Carabott 82 min

Imwissija – Borg (F), Grioli, Sammut, Caruana (T)
Skurjaw – Grabowski 51 min (F)
Referee – Mario Apap
Plejer tal-Logħba – Andrè Grabowski (Floriana)

Article by Replay online
Photo by Jason Borg