SportMalta flimkien mal-Kummissjoni Għolja Awstraljana u The Australian Football League (AFL) ħabret inizjattiva ġdida li biha se tkompli twessa’ l-programmi sportivi tagħha.

 

Auskick huwa programm li oriġina fl-Awstralja fl-1988 bl-iskop ewlieni jkun li jippromwovi l-football Awstraljan kemm mas-subien kif ukoll mal-bniet sa minn età żgħira.  Permezz ta’ dan il-programm it-tfal jitgħallmu r-regoli bażiċi ta’ dan l-isport kif ukoll iservi ta’ opportunità biex il-ġenituri jipprattikaw flimkien ma’ wliedhom billi jingħaqdu magħhom f’xi sessjonijiet.  Madanakollu l-iktar ħaġa li tispikka hija li bis-saħħa ta’ dan il-programm tfal minn diversi oqsma tas-soċjetà jersqu qrib xulxin lil hinn mid-differenzi tagħhom.

 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar beda billi aċċenna għar-relazzjoni qawwija li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi u għalhekk kien ta’ pjaċir għalih li SportMalta laħaq ftehim mal-Kummissjoni Għolja Awstraljana biex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien fuq diversi attivitajiet.  Filfatt Auskick li huwa tant popolari mhux biss fl-Awstralja iżda f’diversi pajjiżi oħra ser jkun inkluż fis-sessjonijiet ta’ #OnTheMove SkolaSport minn Ottubru li ġej.

 

Dan kollu qed isir fl-isfond taż-żjara ta’ Grant Williams, li huwa l-Kap tal-Kommunità u l-Iżvilupp Internazzjonali tal-logħba tal-Football Awstraljan. Grant Williams se jqatta’ ġimgħa f’pajjiżna biex jippromwovi l-programm Auskick kif ukoll iħarreġ coaches biex SportMalta ikun jista’ joffri dan il-programm fix-xitwa.  Minbarra hekk huwa ser jkun qed jagħti s-sehem tiegħu fi sports day li ser tkun qed issir fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u ser ikun qiegħed iżur ukoll l-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk biex jaqsam din l-esperjenza mal-istudenti.

Il-Kummissarju Għoli Awstraljana, Jane Lambert spjegat li l-Kummissjoni dejjem tfittex li ttejjeb ir-relazzjoni tajba li għandhom iż-żewġ pajjiżi u spjegat dak li tixtieq li jintlaħaq permezz ta’ dan il-programm.  Is-Sinjura Lambert aċċennat kemm l-isport huwa għodda tajba sabiex itejjeb ir-relazzjonijiet mhux biss bejn l-pajjiżi imma wkoll bejn razez u kulturi differenti.  L-isport u l-programm Auskick, kompliet tgħid, ser iservi ta’ pjattaforma sabiex kulħadd iħossu ugwali.

in-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius spjega kif Malta dejjem kienet fuq ta’ quddiem sabiex tgħin biex kulħadd iħossu parti mis-soċjetà.   Wara snin jaħdem fil-volontarjat f’diversi sferi tas- soċjetà, is-Segretarju Parlamentari sġjega li xorta għad hemm nies li ma jintegrawx minħabba diversi raġunijiet fosthom il-qagħda finanzjarja, d-diżabilità u r-razza tagħhom.  Huwa faħħar l-inizjattivi li jieħdu diversi clubs sportivi sabiex jinkludu lil kulħadd, madanakollu dawn l-inizjattivi jridu issa jkunu fuq bażi nazzjonali.

Huwa spjega kif il-Gvern diġà ilu għexieren ta’ snin jaħdem sabiex jgħin lil dawk li sfortunatament ma jlaħħqux mal-ħajja tal-lum.  Is-Segretarju Parlamentari fiehem kif anke SportMalta qed taħdem sabiex kull ċittadin ikollu opportunitajiet indaqs fejn jidħol sport.  Filfatt hija tejbet l-operat, tejbet is-servizz però żammet il-prezzijiet baxxi.

Il-pubbliku huwa mistieden jattendi għall-Isport Carnival li se jsir fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa fejn hawnhekk se jkollu l-opportunità jiltaqa’ ma’ Grant Williams u jesperjenza dan il-programm f’attività bejn id-9.30am u l-11.30am.  Waqt din il-ġurnata ser jkun imniedi uffiċjalment Auskick f’Malta u ser jkun hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Balzan Youths u l-Malta Cricket Association